Updates
Jieklu b’għajnejhom mgħottija b’risq l-MGDF
Created on: 17 March 2016
Voluntiera, membri tal-bord
tal-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida (MGDF) u l-mistiedna tagħhom attendew ikla
b’għajnejhom mgħottija b’risq il-fondazzjoni x-xahar li għadda fil- Peristyle
Restaurant ir-Rabat.
Għal dawk li setgħu jaraw, din kienet
esperjenza utli u prattika ta’ kif dawk li ma tantx jaraw jew huma neqsin
mid-dawl jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum hekk kif jagħmlu affarijiet li aħna
tant nieħdu daqshekk for granted.
Kien hemm għażla ta’ żewġ tipi ta’ pasta,
fosthom ir-ravjul bir-rikotta rinomat tal-Peristyle. Minn fejn tibda tiekol?
Dawk li kienu neqsin mid-dawl li attendew din l-ikla taw pariri utli, allavolja
kien hemm imwejjed u platti b’affarijiet tal-ikel imwaqqgħin hekk kif
in-‘novizzi’ b’għajnejhom mgħottija meddew idejhom u ppruvaw isibu tarf ta’ kif
jispiċċaw il-platt tagħhom.
Raymond Buhagiar, mis-sottokumitat
tal-Marketing u Ġbir ta’ Fondi, ippreżenta donazzjoni ta’ iktar minn €800
mill-avveniment.
Fid-diskors tiegħu, Leone Sciberras,
iċ-ċermen tal-MGDF, irringrazzja dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom biex
setgħet saret is-serata, b’ringrazzjament speċjali lill-Peristyle Restaurant,
li ospitaw l-avveniment u ħadu ħsieb li l-fondi li nġabru kollha marru għand
il-fondazzjoni. Qal li ċertament dan l-avveniment ser jerġa jiġi organizzat
peress li kien mezz utli ta’ kif nies neqsin mid-dawl jistgħu juru b’mod
prattiku kif jgħixu ħajjithom u jsibu t-tarf b’mod innovattiv.
Numru ta’ attivitajiet issa qegħdin jiġu
ppjanati li jilħqu l-qofol tagħhom fil-Jum Nazzjonali tal-Klieb Gwida.
Il-fondazzjoni qiegħed jitlob komunitajiet, organizzazzjonijiet, dipartimenti u
entitajiet tal-gvern, aġenziji u klabbs lokali biex jagħtu opportunità
lill-MGDF jagħmlu preżentazzjoni u jkollhom esperjenza b’għajnejhom mgħottija.
Jekk tista’ tagħti ftit ħin bħala voluntier, billi tagħmel xi ħelu, titkellem
man-nies jew taħdem fuq il-computer, l-MGDF għandha bżonnok. Aktar dettalji ser
joħorġu dalwaqt fuq ġurnata pjaċevoli fil-Jum Nazzjonali tal-Klieb Gwida nhar
il-Ħadd, 24 ta’ April, 2016. Tagħmlux impenji dak in-nhar.
Il-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida (www.maltaguidedogs.org.mt) tagħti s-servizzi tagħha b’xejn
lill-klijenti tagħha li huma neqsin mid-dawl jew ma tantx jaraw. Jgħaddu minn
proċess ta’ taħriġ biex jiċċertifikaw ruħhom fl-orjentament u l-mobbilità,
inkluż l-użu tal-Bastun l-Abjad, u jistgħu ukoll japplikaw għal kelb gwida, li
l-fondazzjoni tipprovdi b’xejn. Dan grazzi għal numru ta’ sponsors ewlenin,
l-Ordni Sovrana Militari ta’ Malta (SMOM) u Borg Cardona & Co Ltd, fost
benefatturi oħra.
Fir-rittratti hawn taħt, meħudin minn studenta voluntiera Arianna
Malezki, mill-Iskola Internazzjonali ta' Verdala: Dawk li attendew l-ikla jgħattu għajnejhom biex
jiġbru fondi għall-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida (MGDF) fil-Peristyle Restaurant ix-xahar li għadda
L-ikla
ġiet servuta
Iċ-Ċermen
tal-MGDF Leone Sciberras jagħmel
id-diskors tiegħu wara l-ikla
Raymond
Buhagiar mis-sottokumitat tal-Marketing u Ġbir ta’ Fondi tal-MGDF (xellug),
jippreżenta d-donazzjoni lil Leone Sciberras