Ġriewi mrobbija Malta ‘jiggradwaw’ f’Messina

Created on: 31 May 2016

Żewġ ġriewi ta’ klieb gwida li trabbew f’Malta waslu lura l-lejl li għadda minn Messina, fi Sqallija, fejn ġew konsenjati uffiċjalment lill-‘partners’ ġodda tagħhom f’ċerimonja kommoventi fis-sala majistuża tal-kunsill lokali tal-belt.

Dawn iż-żewġ ‘timijiet’ ġodda huma Michael Scerri mix-Xagħra, Għawdex. U l-kelb gwida tiegħu Justy, u Joseph Vella minn Marsaxlokk u l-kelb gwida tiegħu Juno. Il-familja Fleming, li ħadu ħsieb irabbu lil Justy u Charlene Darmanin, li flimkien mar-raġel tagħha David rabbew lil Juno, kienu preżenti għaċ-ċerimonja tal-kunsinna f’Messina.

Preżenti ukoll kien hemm iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida (MGDF), Leone Sciberras, u s-Segretarja tal-fondazzjoni, Lilibeth Cachia.

Justy u Juno waslu Malta għall-ewwel darba f’Awwissu tal-2014 minn ċentru fi-Franza fejn twieldu u meta kellhom sena ittieħdu fiċ-Ċentru Regjonali Helen Keller fl-Iskola tal-Klieb Gwida tal-Unjoni Taljana ta’ dawk neqsin mid-Dawl fejn ġew imħarrġa professjonalment minn Francesco Cucinotta (li ħarreġ diġà klieb gwida li qegħdin jaħdmu f’Malta) u Giovanni  Visalli Garufi.

Għal Michael, li jaħdem maċ-Ċivil, dan huwa t-tieni kelb gwida wara li l-ewwel kelba gwida tiegħu Pixy ġiet irtirata. Għal Joseph, missier ta’ tlieta li jaħdem fl-IT bħala amministratur ta’ databases, dan hu l-ewwel kelb gwida. Iż-żewġt irġiel ilhom ġimgħatejn Messina jitħarrġu mal-klieb gwida tagħom u jitgħallmu kif ikunu ‘handlers’ ta’ klieb gwida.

Joseph qal li issa iħossu kunfidenti jaħdem ma’ Juno biex iwasslu x-xogħol hekk kif jaqbad tal-linja u jimxi għal xi kwarta miegħu biex jasal.

Is-Sur Sciberras qal li hu sodisfatt li dawn iż-żewġ ġriewi sabu ‘handlers’ lokali: “Issa bdejna fażi ġdida fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-MGDF hekk kif numru ta’ klieb li qegħdin fis-servizz ser jiġu rtirati jew għal raġunijiet ta’ età jew għal raġunijiet oħra, għalhekk ser inkunu qegħdin infittxu klieb oħra biex jieħdu posthom fuq perjodu ta’ żmien.

“Nappellaw mill-ġdid għal dawk li għandhom xi nuqqas ta’ vista u li jixtiequ jkollhom il-libertà u l-indipendenza tagħhom biex javviċinaw l-MGDF kemm għall-OM (taħriġ fl-orjentament u l-mobbilità) u biex, eventwalment jikkwalifikaw għal kelb gwida. Nipprovdu dawn is-servizzi b’xejn.”

Is-Sur Sciberras irringrazzja lill-Ordni Sovrana Militari ta’ Malta (SMOM), li ħallset għall-ispejjeż tal-vjaġġi u lil Borg Cardona & Co. Ltd, li taw l-ikel Royal Canin lill-ġriewi b’xejn.

Għal iktar informazzjoni żur www.maltaguidedogs.org.mt.