Lura wara li spiċċa kors ta’ Istruttur tal-Klieb Gwida u fil-Mobbiltà fl-Awstralja

Created on: 6 March 2017

Luca Taliana ġie lura il-ġimgħa l-oħra minn Melbourne, fl-Awstralja, fejn temm b’suċċess kors ta’ sentejn, f’isem il-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida (MGDF) għand Guide Dogs Victoria, fejn ħa il-kwalifika ta’ Istruttur tal-Klieb Gwida u fil-Mobbiltà, kif ukoll Speċjalista fl-Orjentament u l-Mobbiltà.
Waħda minn numru ta klieb li s-Sur Taljana ħarreġ, Żara, ġiet lura ukoll fuq titjira separata din il-ġimgħa u ser jinstab xi ħadd li għandu bżonn kelba gwida biex ikun is-sieħeb ġdid tagħha.
Waqt li kien Melbourne, is-Sur Taljana kien ospitat mill Kunsill tal-Komunità Maltija fl-Awstralja.
Guide Dogs Victoria, li huma akkreditati mill-Federazzjoni Internazzjonali ta’ Klieb Gwida (IGDF) bħala skola għat-taħriġ tal-klieb gwida, kellhom kliem ta’ tifħir wara li s-Sur Taljana temm il-programm tagħhom b’suċċess. Dan kien jikkonsisti f’teorija u prattika fil-puppy raising, l-evalwazzjoni u t-taħriġ ta’ klieb gwida, u fl-aħħar fit-taħriġ tal-klijenti mal-klieb gwida.
L-ikbar sfida li għeleb is-Sur taljana kien li kellu jaċċetta ideat ġodda ta’ kif għandu jħarreġ klieb gwida, li huma differenti minn dak li kien japplika qabel ma beda t-taħriġ, iżda li fl-aħħar sabhom effettivi ħafna. Kien sodisfatt li, mill-ħafna klieb li ħarreġ, tnejn intbagħtu l-Ġappun.
Fost l-għanijiet li għandu issa li ġie lura Malta hemm li jbiddel il-mod kif il Maltin iħarsu lejn it-taħriġ tal-klieb gwida, biex iżomm għajnejh fuq il-ġriewi tal-MGDF sakemm jibda t-taħriġ tagħhom, u biex jieħu ħsieb il-ħtiġijiet tat-12-il sid ta’ klieb gwida li hemm f’Malta u Għawdex.
Leone Sciberras, Ċermen tal-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida, wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dak li kien kiseb is-Sur Taljana: “Aħna kellna fiduċja kbira f’Luca, meta aħna dħalna fl-inkarigu li nibgħatuh għal taħriġ għand Guide Dogs Victoria, u dik il-fiduċja kienet iġġustifikata bis-sħiħ.”
Is-Sur Sciberras kien żar is-Sur Taljana u Guide Dogs Victoria f’Settembru tal-2015, flimkien mas-Segretarja tal-MGDF Lilibeth Cachia biex jaraw il-progress tiegħu.
“Nifirħulu tal-kisba tiegħu u nirringrazzjaw lil dawk kollha li taw xi kontribut, l-ewwel fosthom l-Ordni Sovrana Militari u Ospitallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta (SMOM), li ħallsu għall-ispejjeż tal-vjaġġi tiegħu, l-allowance biex jgħix u spejjeż oħra waqt li kien l-Awstralja, l-ispiża tal-kelb gwida Zara u l-ispejjeż tal-vjaġġ tagħha lejn Malta,” qal is-Sur Sciberras. Żied jgħid:
“Aħna ħerqana ħafna naħdmu ma’ Luca fil-Fondazzjoni biex nagħtu servizzi aħjar u mill-lokal għal dawk f’Malta u Għawdex li jixtiequ jkollhom kelb gwida, jgħaddu mit-taħriġ meħtieġ u jieħu ħsieb il-grupp ta’ nies li bħal issa għandhom kelb gwida.”