Chairman ġdid elett għall-MGDF

Created on: 23 July 2018

Joseph Stafrace huwa ċ-Chairman il-ġdid tal-Fondazzjoni tal-Klieb Gwida ta’ Malta (Malta Guide Dogs Foundation – MGDF). Hu ġie elett fil-Bord tal-MGDF għal terminu ta’ erba’ snin wara li kien l-uniku kandidat nominat mit-tlett ishma fondaturi, l-Għaqda Maltija tal-Għomja (Malta Society for the Blind – MSB), l-Għaqda tal-Għomja Torball u l-Assistenza għal Dawk Neqsin mid-Dawl ta’ Għawdex (Gozo Aid for the Visually Impaired – GAVI).
Il-membri l-oħra tal-Bord il-ġdid huma Francis Tirchett, Viċi-Chairman u rappreżentant tal-MSB; Lilibeth Cachia, Segretarja Onorarja; Charlotte Cilia, Teżorier Onorarja; Malcolm J. Naudi, responsabbli għar-Relazzjonijiet Pubbliċi; Dr Kevin Cutajar, Konsulent Legali u rappreżentant tal-GAVI; u Alfred Reale, rappreżentant tat-Torball.
“Għandi ħafna proġetti f’moħħi għall-fondazzjoni,” qal is-Sur Stafrace fl-ewwel kumment tiegħu wara li ġie elett, “u nixtieq naraha tikber.”
Is-Sur Stafraċe, li għandu 46 sena, jaħdem fil-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn jipprovdi servizzi lil studenti neqsin mid-dawl. Bħal issa qiegħed jistudja għal Higher Diploma fid-Diżabilità, kors ta’ tlett snin fl-Università ta’ Malta, li jispera li jtemm is-sena d-dieħla, u jista’ jkompli għal tlett snin oħra għal Baċellerat fid-Diżabilità.
L-ewwel impjieg tiegħu kien mal-Playmobil. Fl-2010 ħadem fuq proġett tal-UE u mbagħad ingħaqad mal-Aġenzija Sapport. Ilu miżżewweġ ma’ Angelica għal dawn l-aħħar 17-il sena u joqogħdu l-Imtarfa. Għandu kelb gwida, Mazzi, li għandu 12-il sena u wasal biex jirtira. “Għadu b’saħħtu u bi ħsiebi nżommu bħala pet meta jirtira,” qal is-Sur Stafrace. “Jistħoqqlu l-imħabba u l-attenzjoni kollha wara x-xogħol li għamel.”
Is-Sur Stafrace huwa mdaħħal f’ħafna għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u kien wieħed mill-fondaturi tal-MGDF mal-mibki Ron Colombo. Meta miet Ron, kien dam iktar minn sena bħala chairman u warajħ kien ġie elett Leone Sciberras, li kien dam fil-kariga għal dawn l-aħħar sitt snin. is-Sur Stafrace iħobb in-natura u fost il-passatempi tiegħu iħobb jogħdos, il-fotografija, l-arti, isuq ir-rota, il-mużika u s-safar.
L-MGDF ilha mwaqqfa mill-2006 u l-għanijiet ewlenin tagħha huma li:
a. tassigura opportunitajiet indaqs għal kulħadd, b'mod partikolari għall-għomja u dawk neqsin mid-dawl;
b. tipprovdi servizzi speċifiċi għall-għomja u dawk neqsin mid-dawl fejn u meta dawn jeħtiġuhom, speċjalment li jipprovdu servizzi ta’ klieb gwida;
c. jiżguraw li s-servizzi pubbliċi u privati kollha fil-Gżejjer Maltin ikunu aċċessibbli għal kulħadd, inklużi l-għomja u dawk neqsin mid-dawl; u
d. jipprovdu s-servizzi kollha neċessarja biex l-għomja u dawk neqsin mid-dawl jilħqu l-ogħla livell ta’ kwalità tal-ħajja.
Il-fondazzjoni tagħti klieb gwida b’xejn lil dawk neqsin mid-dawl billi ġġibhom lesti mħarrġa minn skejjel barra minn Malta jew trabbihom lokalment u tħarriġhom. Għandha istruttur tal-klieb gwida u fil-mobilità mħarreġ barra minn Malta (GDMI) u speċjalista fl-orjentament u mobbilità (OM).
Tista’ toffri s-servizzi tagħha b’xejn grazzi għall-ġenerożità tal-isponsors tagħha, li hemm fuq ta’ quddiem l-Ordni Sovrana u Militari ta’ Malta (SMOM), li tkopri l-ispejjeż tal-ivjaġġar tal-klieb, dawk relatati mas-saħħa u t-taħriġ tal-GDMI fl-Awstralja.
L-MGDF hija grata ukoll għall-isponsors kollha l-oħra fosthom Borg Cardona & Co Ltd, li jfornu l-affarijiet kollha għall-klieb, il-Fondazzjoni P. Cutajar u l-Fondazzjoni Alfred Mizzi.

Caption:   JOSEPH STAFRACE, iċ-Chairman il-ġdid tal-Fondazzjoni tal-Klieb Gwida ta’ Malta (Malta Guide Dogs Foundation – MGDF), mal-kelb gwida tiegħu Mazzi