MGDF, Borg Cardona & Co. Ltd iġeddu l-kollaborazzjoni bejniethom

Created on: 14 September 2018

Issa li Borg Cardona & Co. Ltd għalqu s-70 sena minn mindu twaqqfu, il-kumpanija, li hi fost l-ikbar importaturi ta’ ikel u aċċessorji għall-annimali domestiċi, nhar is-6 ta’ Settembru 2018 mill-ġdid ġeddet l-impenn tagħha biex tisponsorja l-Malta Guide Dogs Foundation (MGDF).
Andrew Borg Cardona, General Manager ta’ Borg Cardona & Co. Ltd, qal li dan il-ftehim ta’ sponsorship isegwi perfettament il-filosofija tal-azjenda li jappoġġja biss għaqdiet u NGOs li għandhom x’jaqsmu mal-annimali.
“Aħna kburin li ser inkomplu nikkollaboraw għal numru ta’ snin oħra mal-Malta Guide Dogs Foundation, li tagħmel xogħol mill-aqwa ma’ persuni nieqsa mid-dawl biex jiksbu l-indipendenza tagħhom permezz ta’ kelb gwida.
“Permezz tal-kontribut modest tagħna, mhux biss qegħdin nagħtu ikel b’xejn tar-Royal Canin, li ilna nirrappreżentaw f’Malta għal dawn l-aħħar 30 sena, lill-ġriewi tal-klieb gwida u dawk li jnisslu l-ġriewi, iżda noffru roħs fuq l-ikel u l-aċċessorji kollha tal-annimali domestiċi li għandna fil-ħanut kbir f’Ħal Balzan lil dawk li għandhom klieb gwida. Dan hu ġest żgħir ta’ solidarjetà u tassigura li l-klieb gwida jieħdu l-aħjar prodotti u klieb gwida tal-ġejjieni ser jikbru fi stat ideali ta’ saħħa tajba,” hu qal.
Joseph Stafrace, li dan l-aħħar ġie elett Chairman tal-MGDF, irringrazzja lil Borg Cardona & Co. Ltd għall-appoġġ tagħhom. “Aħna grati immensament għal Borg Cardona & Co. Ltd, li jsegwu l-filosofija tal-azjenda u, mill-ġdid, din is-sena ġeddew l-appoġġ tagħhom għall-fondazzjoni billi jagħtu roħs fuq ikel ta’ kwalità, prodotti tajbin għal saħħithom u aċċessorji.
“Din hi sħubija qawwija li hi importanti ħafna għalina u permezz tagħha nistgħu niffukaw fuq proġetti oħra li għandna fil-ġejjieni.”

Andrew Borg Cardona, General Manager ta’ Borg Cardona & Co. Ltd (fuq il-lemin), jieħu b’idejn Joseph Stafrace, li dan l-aħħar ġie elett Chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation, wara li ffirmaw ftehim biex il-kumpanija tisponsorja l-fondazzjoni għal numru ta’ snin. Magħhom hemm Lilibeth Cachia, Segretarja Onorarja tal-MGDF, Malcolm J. Naudi, li jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi, il-kelb gwida Mazzi u l-ġerwa ta’ kelb gwida Angel.