Updates
Il-Fondazzjoni P. Cutajar tiltaqa’ mal-ġerwa ta’ kelba gwida ‘tagħha’
Created on: 16 December 2018
Għal membri
tal-Bord tal-Fondazzjoni P. Cutajar u impjegati ta’ P. Cutajar & Co. Ltd, kienet
imħabba mal-ewwel daqqa t’għajn meta ltaqgħu ma’ Dora, ġerwa ta’ seba’ xhur li
l-fondazzjoni ser tisponsorja biex tiġi mħarrġa bħala kelba gwida.
Dora ingħatat
lill-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida (MGDF) mill-Karità Dawl fl-Ewropa (Light into
Europe Charity) f’Bukarest, ir-Romanija, u f’Ottubru li għadda, iċ-Ċermen
tal-MGDF Joseph Stafrace u l-istruttur tal-klieb gwida u mobbiltà Luca Taliana
marru r-Rumanija biex jiġbruha.
Sa dakinhar,
Dora kienet qiegħda ma’ familja ħelwa Rumena li kienet qegħda trabbiha u issa
Luca ser ikompli dak il-perjodu ta’ trobbija (puppy raising) sa kemm ikollha sena. Umbagħad ser jgħallimha biex
tkun kelba gwida u, eventwalment, tiġi mqabbla ma’ klijent/a lokali.
Dora hija
waħda minn żewġ klieb gwida li l-Fondazzjoni P. Cutajar, fondazzjoni lokali
indipendenti, li twaqqfet fl-2015 biex tappoġġa inizjattivi ta’ karità u li
għandhom x’jaqsmu mal-kultura, hija mpenjata tisponsorja u b’hekk nies neqsin
mid-dawl ikunu jistgħu jakkwistaw il-libertà u l-indipendenza tagħhom.
Denis Zammit
Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ P. Cutajar & Co. Ltd, li hu membru tal-bord
tal-fondazzjoni, qal li sar jaf bix-xogħol tal-MGDF mill-media u xtaq li din
l-għotja tkun mgħarrfa lill-pubbliku biex kumpaniji u istituzzjonijiet oħrajn jitħajru
jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-MGDF.
“Ninsab
impressjonat bl-intelliġenza ta’ dawn il-klieb gwida u għandna nħeġġu din
l-inizjattiva biex persuni neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jiksbu l-libertà u
l-indipendenza tagħhom biex joħorġu jaħdmu jew fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum,”
qal is-Sur Zammit Cutajar.
Is-Sur Taliana qal li jara ħafna potenzjal f’Dora,
li ġabet ruħha mill-aħjar. Hija kelba kalma u lesta titgħallem u b’hekk tagħmel
impatt mill-ewwel fuq kull min jiltaqa’ magħha.
Kelb gwida għandu żewġ vantaġġi oħra għal dawk neqsin
mid-dawl: jista’ jimxu fil-kampanja fuq toroq u mgħodijiet mħarrbtin mingħajr għajnuna
u, meta joħorġu ma’ xi ħabib/a jew membru tal-familja, il-kelb gwida jsegwihom anki
meta jkunu f’post iffullat.
Caption:
Denis Zammit Cutajar, membru tal-bord tal-Fondazzjoni P. Cutajar (fuq ix-xellug), wara li ltaqa’ ma’ Dora, il-ġerwa ta’ kelba
gwida mill-istruttur tal-klieb gwida u l-mobbilità tal-Fondazzjoni Maltija
Klieb Gwida (MGDF), Luca Taliana.