Il-Gran Mastru tal-iSMOM jżur il-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida

Created on: 28 August 2015

HMEH Frà Matthew Festing, Gran Mastru tal-Ordni Sovrana Militari u Ospitallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta (SMOM), għamel mezz biex iżur il-Fondazzjoni Maltija Klieb Gwida (MGDF) fil-bini fejn għandha l-uffiċċju tagħha fiċ-Ċentru San Franġisk, Ta’ Qali, waqt iż-żjara Statali f’Malta dan l-aħħar.
Akkumpanjat mill-Ministru tal-Affarjiet Barranin George Vella u d-delegazzjoni tiegħu, fosthom l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Sovrana Militari u Ospitallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta (MASMOM), immexxija mill-President tagħha, Philip Farrugia Randon, Frà Festing ġie milqugħ miċ-Ċermen tal-MGDF Leone Sciberras u l-kelb gwida tiegħu Aval. Id-delegazzjoni mbagħad ġiet introdotta mal-Bord tal-MGDF.
F’diskors qasir, is-Sur Sciberras qal li l-fondazzjoni, li twaqqfet inqas minn 10 snin ilu, kburija bl-għanijiet tagħha: ‘li tagħti indipendenza, mobbiltà, sigurtà u fl-aħħar mill-aħħar terġa’ tagħti fiduċja lil dawk li huma neqsin mid-dawl’.
“Naħdmu wkoll biex nassiguraw li s-servizzi kollha pubbliċi u privati fil-Gżejjer Maltin huma aċċessibbli li kulħadd, fosthom l-għomja u persuni neqsin mid-dawl,” żied jgħid.
Wara li spjega s-servizzi li l-fondazzjonikar toffri b’xejn lil kull min hu nieqes mid-dawl f’Malta u Għawdex, is-Sur Sciberras irringrazzja lill-iSMOM tal-appoġġ tagħhom lill-MGDF mill-2012: “Erba’ persuna rċevew kelb gwida li ġew imħarrġa Sqallija. Tnejn minnhom trabbew ma’ familji f’Malta. Tnejn oħra ġew minn barra diġà mħarrġin. Tlett ġriewi waslu Malta f’Awwissu li għadda u, grazzi għall-iSMOM, l-ispejjeż tal-mediċini u tal-iżjajjar lill-vererinjarju tal-klieb gwida kollha f’Malta u Għawdex qegħdin jitħallsu.”
Wara li kien hemm PowerPoint presentation tax-xogħol tal-MGDF, tlett persuni li huma nieqsa mid-dawl tkellmu fuq l-esperjenzi personali tagħhom. Samuel Farrugia, ta’ 9 snin, tilef id-dawl is-sena l-oħra u attenda Programm fl-Orjentament u Mobilità għand l-MGDF. Anna Sultana u Christine Mifsud ingħataw klieb gwida, Higgins u Winnie, rispettivament, u dawn tawhom l-indipendenza tagħhom.
Kien hemm skambju ta’ rigali bejn Frà Festing u wara l-Gran Mastru ingħata l-opportunità jitkellem ma’ dawk nieqsa mid-dawl u sidien ta’ klieb gwida biex jitkellmu fuq l-esperjenzi tagħhom. Qabel ma telaq miċ-Ċentru, Frà Festing irringrazzja l-organizzaturi taż-żjara tiegħu talli ingħata ħarsa unika fix-xogħol tal-MGDF u li kien verament impressjonat li dawk li qegħdin jibbenefikaw mill-fondazzjoni, dawk nieqsa mid-dawl, qegħdin jirċievu servizz mill-aqwa.